Kollaboraturi
Home / Dwarna / Kollaboraturi
Ġemma, inizjattiva tal-Ministeru għall-Politika Soċjali u Drittijiet tat-Tfal, hija kampanja immirata biex ittejjeb il-kapaċità finanzjarja personali taċ-ċittadini Maltin, tul l-avvenimenti ta’ ħajjithom u waqt l-irtirar. Dan jgħinhom jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji infurmati aħjar, skont iċ-ċirkostanzi individwali tagħhom.
F’April 2023, ġie iffirmat ftehim biex jitkomplew dawn is-sessjonijiet ta’ edukazzjoni finanzjarja, li twettqu b’kollaborazzjoni bejn Ġemma and DLE. Is-suġġetti finanzjarji koperti jgħinu lill-istudenti adulti jtejbu s-sitwazzjoni u l-prospetti personali tagħhom, u jvarjaw mill-ħolqien ta’ baġit personali biex wieħed jippjana aħjar in-nefqa tiegħu, għall-esplorazzjoni ta’ aspetti differenti fid-dinja finanzjarja.
Bejn l-2022 u l-2023, id-DLE mexxa kampanja ta’ għarfien ma’ organizzazzjonijiet f’Malta li jimpenjaw ruħhom ma’ individwi li m’għandhomx ħiliet bażiċi jew li jeħtieġu titjib fil-ħiliet tagħhom. Peress li metodi tradizzjonali bħall-midja soċjali jew kampanji televiżivi jistgħu ma jilħqux adulti li għandhom bżonn itejbu l-ħiliet bażiċi tagħhom, id-DLE iffoka fuq kollaborazzjonijiet diretti permezz ta’ sistema ta’ riferiment, li permezz tagħha individwi adulti huma rakkomandati jew diretti lejn korsijiet li jistgħu jtejbu ħajjithom.
Billi mmassimizza r-relazzjonijiet eżistenti ma’ professjonisti varji, id-DLE qed iħeġġeġ lill-adulti biex jinkitbu f’korsijiet b’aktar faċiltà. Il-kollaboraturi elenkati hawn taħt intgħażlu abbażi tal-konnessjoni strateġika tagħhom ma’ gruppi ta’ adulti li jistgħu jibbenefikaw mill-korsijiet.
Active Ageing toffri diversi servizzi lill-anzjani.
L-Aġenzija Sapport tipprovdi appoġġ personalizzat għal persuni b’diżabilità.
Il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), tagħti s-setgħa lill-individwi biex isiru membri responsabbli, integrati u produttivi fis-soċjetà.
Jobsplus, joffri servizzi ta’ impjieg pubbliku
Servizz.gov, hija pjattaforma onlajn maħsuba biex tipprovdi liċ-ċittadini b’aċċess għal diversi servizzi u informazzjoni tal-gvern b’mod ċentralizzat.
Il-kollaborazzjoni tiftaħ il-bibien għal individwi li għandhom id-Down Syndrome biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ sillabi speċjalizzati, imfassla għall-bżonnijiet uniċi tagħhom.
Dan kien il-messaġġ ewlieni li ħareġ minn avveniment kollaborattiv mad- Down Syndrome Association (DSA), li ġie organizzat fl-14 ta’ April, 2023, bħala parti mill-kampanja ta’ għarfien li kienet parti tal-Aġenda tal-UE.
Is-sessjoni tmexxiet mill-uffiċjal kap eżekuttiv tad-DSA u enfasizzat l-importanza tas-sħubija ma’ inizjattivi ta’ tagħlim tul il-ħajja. Rappreżentanti mid-DSA enfasizzaw l-importanza tad-diversifikazzjoni tal-metodi ta’ tagħlim, b’mod li jaqbel mal-miri ewlenin tal-Istrateġija tat-Tagħlim Tul il-Ħajja 2023-2030.
B’mod partikolari ddeskrivew l-importanza tal-klassijiet tal-litteriżmu diġitali tat-Tagħlim Tul il-Ħajja, u l-impenn biex individwi jkunu mgħammra bil-ħiliet essenzjali għas-suċċess tagħhom. Fil-fatt, it-Direttorat jistinka biex jipprovdi l-aħjar opportunitajiet għat-tkabbir u l-iżvilupp personali, u jiżgura li l-individwi jkollhom aċċess għar-riżorsi u l-appoġġ li għandhom bżonn.
B’kollaborazzjoni mal- Kummissjoni dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità (CRPD), ġiet organizzata sessjoni ta’ għarfien fis-17 ta’ Mejju, 2021. Rappreżentanti tad-DLE ħadmu mal-parteċipanti u ipprovdew għarfien dwar il-korsijiet disponibbli, biex jinkoraġġixxu l-kollaborazzjoni u jidentifikaw opportunitajiet ta’ integrazzjoni mas-CRPD. Ir-rispons tal-parteċipanti xeħet dawl fuq il-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lil individwi b’diżabilità li jiffaċċjaw sfidi ta’ impjegabbiltà, u li l-isforzi futuri jiġu diretti lejn aktar korsijiet imfassla apposta dwar l-inklussività u l-emanċipazzjoni.
Fil-21 ta’ Frar 2023 saret sessjoni ta’ taħriġ għat-tim tat-Tagħlim Tul il-Ħajja dwar l-edukazzjoni inklużiva għal studenti adulti b’diżabilità mis-CRPD. Din is-sessjoni kopriet dawn il-punti:
· Etiquette
· Accessible digital information
· Importance of easy-to-read formats
· Inclusive designs in adult education
Barra minn hekk, bħala parti mill-proġett tal-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE), fit-23 ta’ Ġunju 2023 ġie organizzat webinar immexxi mis-Sinjura Rhoda Garland, Kap Eżekuttiv tas-CRPD. Il-webinar iffoka fuq id-drittijiet legali ta’ individwi b’diżabilità biex jaċċessaw l-edukazzjoni, u l-isfidi li jiltaqgħu magħhom l-adulti f’ambitu edukattiv. Barra minn hekk, il-webinar esplora modi kif il-korsijiet jistgħu jkunu aktar inklużivi u adattabbli għall-parteċipazzjoni sħiħa ta’ studenti b’diżabbiltà. Dan fil-kuntest li t-tneħħija tal-ostakli u l-iżgurar ta’ aċċess bla xkiel għall-edukazzjoni għal individwi b’diżabilità huwa aspett ewlieni tal-Istrateġija tat-Tagħlim Tul il-Ħajja.
Id-DLE jipprovdi korsijiet imfassla għall-ħtiġijiet speċifiċi ta’ gruppi individwali, kif mitlub mir-residenti jew l-utenti tas-servizz f’dik il-komunità. Id-Direttorat jaħdem mill-qrib mal-Kunsilli Lokali u diversi għaqdiet komunitarji biex joffri korsijiet ta’ tagħlim tul il-ħajja f’oqsma differenti. Dawn il-kollaborazzjonijiet għandhom l-għan li jagħmlu l-opportunitajiet ta’ tagħlim aċċessibbli għal udjenza usa’, u jħeġġu l-impenn fil-komunità u l-iżvilupp personali.
Il-Kunsilli Lokali għandhom rwol kruċjali biex jiffaċilitaw u jappoġġjaw inizjattivi ta’ edukazzjoni għall-adulti fil-komunitajiet tagħhom. Billi jikkollaboraw mill-qrib ma’ istituzzjonijiet edukattivi bħad-DLE, il-Kunsilli Lokali jistgħu jgħinu biex jidentifikaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ tagħlim tal-adulti fl-oqsma tagħhom. Fil-fatt, id-DLE jikkollabora mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali fi ħdan il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali biex isiru korsijiet f’diversi postijiet madwar kunsilli lokali differenti.
Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa ta’ Malta huwa organizzazzjoni indipendenti u volontarja li tikkoordina u tikkontribwixxi b’mod filantropiku biex ittejjeb il-qagħda tan-nisa u l-benessri tas-soċjetà. Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa huwa wieħed miċ-ċentri li joffri diversi korsijiet ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja fiċ-ċentru tiegħu fil-Blata l-Bajda. Dan jikklumplimenta l-għan tal-Kunsill li jipprovdi spazju għal nisa ta’ sfondi u esperjenzi differenti biex jiskambjaw informazzjoni u ideat, ifasslu politika, jedukaw u jippromwovu l-bidla.
Iċ-Ċentru ta’ Riżorsi fil-Kottonera tal-Università ta’ Malta, li ġie stabbilit fl-2013, iservi bħala pont bejn il-komunitajiet fiż-żona tal-port ta’ ġewwa u l-Università ta’ Malta. Iċ-ċentru jippromwovi edukazzjoni ogħla u appoġġ għal dawk li qed jistudjaw, filwaqt li jenfasizza l-ħiliet uniċi u l-wirt tar-reġjun. Id-DLE jikkollabora ma’ dan iċ-Ċentru u jorganizza klassijiet ta’ tagħlim tul il-ħajja fil-bini taċ-Ċentru fi Triq San Edward, Fortini, il-Birgu.