Pubblikazzjoni
Home / Dwarna / Pubblikazzjonijiet
L-Istrateġija Nazzjonali tat-Tagħlim Tul il-Ħajja 2023-2030 ġiet imfassla mid-Direttorat u għandha l-għan li ttejjeb il-ħajja tal-individwi l-aktar vulnerabbli, permezz ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja. L-Istrateġija hija importanti biex tilħaq il-miri nazzjonali u Ewropej, li jinkludu żieda fir-rata tal-impjiegi u l-parteċipazzjoni fit-tagħlim tal-adulti, flimkien mat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali.
L-Istrateġija Nazzjonali għat-Tagħlim Tul il-Ħajja 2023-2030 hija qafas imfassal biex isawwar il-futur tal-edukazzjoni u tat-tagħlim tul il-ħajja madwar il-pajjiż. L-istrateġija ġġib flimkien edukaturi, dawk li jfasslu l-politika, komunitajiet u dawk li qed jitgħallmu biex tinbena sistema li hi inklussiva, adattata u reżiljenti f’dinja li qed tinbidel b’mod mgħaġġel. Din l-istrateġija għandha l-għan biex fis-seba’ snin li ġejjin ittejjeb l-opportunijiet edukattivi, tiddiversifika metodi u opportunitajiet ta’ tagħlim u li tassigura l-kwalità fil-proviżjoni tal-korsijiet għall-adulti. L-għan hu li trawwem soċjetà li tagħti valur lill-għarfien, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-iżvilupp olistiku ta’ kull individwu. Esplora l-viżjoni tagħna, l-inizjattivi ewlenin u l-impatt trasformattiv li din l-istrateġija ser ikollha fuq l-adulti li qed jirċievu t-tagħlim.
Uffiċjal Edukattiv għad-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u l-Impjegabbiltà fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni
Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni
Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni
L-istrateġija ssegwi l-għanijiet tagħha permezz ta’ tliet pilastri:
L-Ewwel Pilastru jiffoka fuq it-titjib tal-opportunitajiet edukattivi għal adulti b’ħiliet u kwalifiċi baxxi, li jiffaċċjaw riskji ogħla ta’ qgħad u esklużjoni. Dan il-pilastru jenfasizza l-kejl tal-ħiliet bażiċi, it-tneħħija tal-ostakli għat-tagħlim, u l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju.
It-Tieni Pilastru għandu l-għan li jiddiversifika l-metodi ta’ tagħlim u li jakkomoda l-impenji diversi tal-istudenti adulti. Dan isir b’opportunitajiet fil-komunità, b’opportunitajiet informali u dawk ibbażati fuq ix-xogħol. Filwaqt li jkunu rikonoxxuti ħiliet li l-istudenti jkunu kisbu minn qabel, l-għan huwa li l-istudenti adulti jiżivulppaw talenti intraprenditorjali ġodda, jitgħallmu suġġetti li jgħinuhom f’ħajjithom, u jiksbu għarfien dwar ċittadinanza attiva.
It-Tielet Pilastru huwa immirat li jiżgura l-kwalità tat-tagħlim tul il-ħajja billi jtejjeb l-irwol tad-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja u Impjegabbiltà. Dan filwaqt li jenfasizza r-responsabbiltà nazzjonali usa’ tiegħu li jikkoordina u jikkollabora mal-partijiet interessati. Passi addizzjonali jinvolvu titjib fil-professjonalità tal-edukaturi li jgħallmu lill-adulti, it-twaqqif ta’ sistemi biex jissorveljaw u jtejbu regolarment l-offerti tal-korsijiet, u jgħinu lill-adulti jieħdu deċiżjonijiet infurmati permezz ta’ sistema ta’ gwida indipendenti.